Laqghat Importanti dwar is-Settur Agrikolu
Published on 31-Jan-2011
It-Tnejn 24 ta' Jannar 2011
Temi importanti marbutin direttament mas-settur agrikolu, bħalma huma l-prezz dejjem jiżdied taċ-ċereali, is-sigurtà tal-ikel, kif ukoll provvista adegwata tal-ikel kienu fost it-temi diskussi f’laqgħat tal-Ministri tal-Agrikoltura li saru fi tmiem il-ġimgħa f’Berlin il-Ġermanja. Għal Malta attenda dawn il-laqgħat il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino.
Dawn il-laqgħat saru fil-kuntest tal-Global Forum for Food and Agriculture li fih ipparteċipaw 53 pajjiż u kienu jinkludu wkoll laqgħa fuq livell Ministerjali. F’diskors ewlieni matul dan il-Forum, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) Pascal Lamy qal li restrizzjonijiet fl-esportazzjoni qed iwasslu għaż-żidiet fil-prezzijiet taċ-ċereali. Lamy qal li dan qed joħloq inflazzjoni kbira fil-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll iwassal għal skarsezza ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, li jolqot l-aktar dawk il-pajjiżi u reġjuni l-aktar vulnerabbli.
Lamy qal li għadu kif tħabbar li l-indiċi tal-ikel tal-FAO, li hija l-Organizzazzjoni tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti laħaq livelli rekord, li saħansitra jiżboq il-livelli għoljin li kienu ntlaħqu fl-2008. Lamy qal li wara l-kriżi finanzjarja ta’ sentejn ilu, issa d-dinja hi ffaċjata minn kriżi fis-settur tal-ikel li wkoll qed toħloq bosta inċertezzi, u toħloq tensjoni f’diversi pajjiżi u reġjuni.
Hu appella biex ċertu restrizzjonijiet fl-esportazzjoni jintużaw biss bħala l-aħħar arma u dan wara li jkunu ġew studjati alternattivi oħrajn biex Gvernijiet jiżguraw provvista adegwata għall-pajjiżhom. Bħala eżempju ta’ dan Lamy fakkar kif ir-Russja u l-Ukrajna waqqfu l-esportazzjoni taċ-ċereali bħala konsegwenza tan-nixfa li sofrew fis-sajf li għadda u dan biex jiżguraw li jkollhom biżżejjed provvista għall-pajjiżi rispettivi tagħhom.
Fl-intervent tiegħu matul il-laqgħa tal-Ministri tal-Agrikoltura, il-Ministru Pullicino qal li għandu jsir kull sforz biex titrażżan l-ispekulazzjoni fuq prodotti tal-ikel u dan biex ikun hemm prezzijiet ġusti u suq ekwu. Il-Ministru Pullicino qal li s-sigurtà fl-ikel tintlaħaq b’bilanċ bejn produzzjoni sostenibbli, kif ukoll b’rieda politika ġenwina li tagħraf il-bżonn li jkunu konklużi mingħajr dewmien żejjed in-negozjati tal-WTO li għandhom iwasslu għal produzzjoni akbar ta’ prodotti tal-ikel.
Intant, dawn il-laqgħat f’Berlin kienu jikkoinċidu mal-International Green Week li għaddejja bħalissa f’Berlin u li hi waħda mill-akbar wirjiet agrikoli li jsiru fl-Ewropa. Għat-tieni sena konsekuttiva Malta hija rappreżentata f’din il-wirja fejn esebituri ta’ prodotti tradizzjonali Maltin esibew u setgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom. Din l-istand ittellgħet bil-kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Maltija f’Berlin, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ Eko-Għawdex. Il-Ministru Pullicino żar din l-istand u rringrazzja personalment lill-esebituri tal-interess li wrew f’din l-inizjattiva.
DOI – 24.01.2011