Konferenza Nazzjonali - Jum Dinji tal-Persuni b'Diżabilità
Published on 03-Dec-2009


Konferenza Nazzjonali
Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità
‘Ix-Xogħol Dritt għal Kulħadd’
Konsultazzjoni Finali Dwar il-Politika Nazzjonali
fuq l-Impjieg tal-Persuni b’Diżabilita’
Il-Ħamis 3 ta’ Diċembru 2009
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta
Sinjuri,
F’isem il-Prim Ministru, inħossni onorat immensament, nindirizza din il-konferenza b’suġġett hekk importanti. Filwaqt li nagħraf l-importanza tat-3 ta’ Diċembru bħala l-Jum Internazzjonali dedikat lill-Persuni b’Diżabilita’, huwa tabilħaqq pass ‘l quddiem għall-Kunsill Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita’, li jagħżel s-suġġett tal-impiegi bħala t-tema prinċipali ta’ din il-konferenza. Mhux talli huwa suġġett ta’ importanza kbira meta tqis ir-reċessjoni globali li d-dinja qed tipprova toħroġ minnha, imma huwa wkoll sinjal tajjeb tal-progress li twettaq għall-persuni b’diżabilita matul is-snin.
Sinjuri
Id-demokrazija tassigura li kulħadd huwa rispettat u mogħti l-istess opportunitajiet biex jirnexxi fis-soċjetà. Filosofija li għenet biex id-demokrazija tibqa’ b’saħħitha. Minkejja dan, aħna nagħarfu li s-sistema mhix perfetta għall-aħħar u bħal kull sistema demokratika oħra għandha d-difetti u jiddependi minna biex nirregolarizzawha.
Huwa appuntu għal din ir-raġuni li qed niltaqgħu hawnhekk illum fejn qed niddiskutu id-dritt għax-xogħol għal kulħadd u kif dan id-dritt nistgħu dejjem iktar inkomplu nsostnuh għall-persuni b’diżabbilita’.
Bi kwazi 3% tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija reġistrata bħala li għandha diżabilita, huwa ferm importanti li nassiguraw li fejn hu possibli l-kwalitajiet ta’ dawn il-persuni ma jinħlewx u li pajjiżna jassigura li kollha jingħataw l-opportunità li juru l-ħiliet kollha tagħhom. Spiċċa dak iż-żmien fejn persuni b’diżabilità jkunu mwarrba mis-soċjetà. Illum aħna soċjetà inklussiva. M’għandniex inħarsu lejn persuni b’diżabilità bħala piż fuq l-istat imma bħala persuni li għandhom dritt li jiddeċiedu d-destin tagħhom u li jkunu membri attivi fis-soċjetà. Dan ma jinkludix biss id-dritt għall-edukazzjoni imma wkoll id-dritt għall-impieg.
Nafu tajjeb, sinjuri li x-xogħol għandu valur importanti fil-ħajja tal-bniedem. Minbarra l-impatt ekonomiku u sors ta’ dħul finanzjarju, ix-xogħol għandu wkoll dimensjoni soċjali. Hija verità li aħna bnedmin soċjali li nikbru permezz ta’ taħlit soċjali. Il-kuntatt personali ma’ persuni oħra huwa strumentali u flimkien ma’ impieg li jirrendi b’mod finanzjarju, jikkontribbwixxi mhux ftit biex wieħed iħossu kunfidenti meta jiġi apprezzat u rikonoxxut. Dan jgħodd xejn anqas għall-persuni b’diżabilità. Ix-xogħol jagħti lill-persuni b’diżabilità l-opportunità li jiżviluppaw kuntatti soċjali u jgħinhom ukoll ikollhom stima lejhom infushom.
Huwa minnu li fid-dinja tax-xogħol jista’ jgħati l-każ li persuni b’diżabilita’ jħossuhom żvantaġġjati, għaldaqstant huwa dmir tagħna li nassiguraw li fejn hu possibli naħdmu lejn soċjetà li mhux biss tinkludi dawk il-pesuni b’diżabilità, imma tħares lejhom bħala valur fid-dinja tax-xogħol. Huwa fatt magħruf li jekk persuna b’diżabilità tingħata l-impieg addattat għaliha, taħdem aktar sabiex tegħleb dik l-istigma minħabba d-diżabilità. Sfortunatament, il-possibiltà li dawk b’diżabilità jsibu xogħol huwa relattivament żgħir. Dan jidher mill-aħħar ċensiment li sar. Huwa fatt aċċettat li f’ħafna każi dawk il-persuni b’diżabilità għandhom opportunitajiet anqas għall-impiegi minn dawk li mhumiex u aktarx li hemm tendenza li dawn jitħallsu anqas ukoll. B’hekk dan jaffettwa d-dħul finanzjarju tagħhom kif ukoll prospetti biex jimxu ‘l quddiem.
B’dan il-għan il-Gvern ħejja diversi korsijiet u inċentivi għall-persuni b’diżabilita’ biex jghelbu il-limitazzjonijiet tagħhom u jippenettraw id-dinja tax-xogħol. F’dan il-qasam nistgħu nsemmu ix-xogħol siewi li qet twettaq il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fi ħdan is-Supported Employment Setion. Bil-għan li jgħatu servizz speċjaliżżat u ndividwali, l-ETC żvillupat diversi skemi li jgħatu l-għajnuna meħtieġa lil dawk li jfitxuha. Bl-għajununa ta’ terapisti fil-qasam, persuni b’diżabilita’ jingħataw iċ-ċans li jidħlu fid-dinja tax-xogħol bis-sussidju ta’ 80 fil-mija tal-paga minima maħruġa mill-istess korporazzjoni. 89 persuna diġa bbenefikaw minn din l-iskema.
Sinjuri
Inħoss li dan is-suġġett għandu jiġi indirizzat fuq żewġ binarji.
Biex nibdew, u din hija r-raġuni li ninsabu hawn illum, hemm bżonn li nkomplu naħdmu fuq il-politika nazzjonali komprensiva dwar l-impiegi għall-persuni b’diżabilità. Din il-politika li tressaq flimkien lil dawk l-entitajiet kollha interessati hija bidu u mhux tmiem ta’ proċess li aħna nemmnu bis-sħiħ fih. Il-Gvern għandu jibqa’ jara li jipprovdi għajnuna u appoġġ għal din il-kawża hekk nobbli u ġusta. Dejjem ħdimna biex ikun hemm inklużżjoni totali għall-persuni b’diżabilità fis-soċjetà u aktar fil-post tax-xogħol. Filwaqt li diġa hawn bosta inċentivi b’dan il-għan nemmnu li għandhom jiġu formulati aktar sabiex ikun aktar faċli għal min iħaddem biex jinkludi fil-post tax-xogħol tiegħu, b’persuni b’diżabilita.
Sfortunatament, l-idea li persuni b’diżabilità huma piż għan-negozju għadha tiddomina. Lill’hinn minn hawnhekk mhemmx tagħrif u tolleranza biżżejjed biex iwaslu għall-appoġġ sħiħ minn naħa ta’ min iħaddem.
Sinjuri
Irridu nibnu soċjetà ħielsa minn kull kunċett żbaljat. Imxejna ħafna, però għad fadal ħafna x’isir. Biex insibu soluzzjoni, ma rridux ninsew l-edukazzjoni, li nħoss li hija għajnuna kruċjali fi twettiq tal-aċċessibilità u adattament għall-impiegi.
L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-għerf u tgħin lill-persuna timxi ‘l quddiem. L-edukazzjoni ma tiddiskriminax u hija miftuħa għal kulħadd. Minkejja dan meta nitkellmu dwar edukazzjoni għal persuni b’diżabilità għadna qed inħarsu lejn livelli primarji. Jekk irridu nikkonfrontaw id-diffikultajiet li dawn il-persuni qed jiffaċċjaw meta jiġu biex jidħlu f’post tax-xogħol, irridu l-ewwel nagħtu ħarsa sewwa, lejn is-sistema edukattiv tagħna u niżguraw li persuni b’diżabilità, tabilħaqq qed jingħataw il-kura u l-edukazzjoni li għandhom bżonn biex jiġu mħarrġa għall-bank tax-xogħol.
Ruma ma nbnietx f’ġurnata, u d-demokrazija tagħna għadha qed tikber ukoll. Madanakollu dan ma jiġġustifikax aktar dewmien fejn jidħlu uliedna. It-teknoloġija mxiet sewwa ’l quddiem u tatna l-aħjar opportunitajiet biex nistgħu naħdmu ma’ persuni b’diżabilità u nintroduċuhom ma’ sitwazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira tal-każi jistgħu jimmaniġġjaw daqs kull persuna oħra.
Il-gvern huwa kommess li jassigura il-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità f’kull sfera tas-soċjetà, inkluż l-ekonomija. Inkomplu nagħtu appoġġ lil kull inizzjattiva li tippromwovi aktar integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità. B’mod speċjali inħarsu ‘l quddiem lejn mentalità aktar inklussiva fost min iħaddem, permezz ta’ prattiċi pożittivi kontra diskriminazzjoni kif ukoll inċentivi fejn tidħol taxxa u appoġġ sħiħ.
Finalment nixtieq nifraħ lill-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għax-xogħol siewi u għal din l-inizzjattiva. F’dan il-kuntest, għandi fiduċja kbira, li l-partijiet kollha nteressati qed jaħdmu id f’id sabiex itejjbu l-ħajja ta’ dawk kollha b’xi diżabilità jew oħra.
M’hemmx dubju li s-soċjetà tibbenefika mill-kontribuzzjonijiet tal-persuni b’diżabilità.
Grazzi ħafna.
Tonio Borg